Dritt Ġol-Ħajt — Straight into a wall. Opinion & dissent from Malta.

Dritt Ġol-Ħajt

Straight into a wall. Opinion & dissent from Malta.

Opinion

,

Ara x’qallek Jason!

Jason Micallef donnu jinsa li l-poter politiku ma jagħti lil ħadd id-dritt jindaħal fil-proprjetà privata ta’ ħaddieħor.

1 min read

Mela Jason Micallef, kapu mastru ta’ dak kollu li hu aħdar u li jiffjorixxi, ħareġ jippontifika li x-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-faċċata tal-Casino Maltese fil-Belt Valletta ma kellhomx jitħallew jibdew għax ġejjin il-festi.

Donnu li Jason issa tant sar plenipotenzjarju li jrid jgħidlek ukoll meta tista’ tagħmel dak li tixtieq bil-proprjetà privata tiegħek!

Din hija l-problema b’ċerta mentalità soċjalista: l-Istat, jew aħjar dawk li jħossuhom komdi fil-poter, għandhom jindaħlu f’kollox. Għax il-Partit tagħhom qiegħed fil-Gvern, donnhom jaħsbu li għandhom xi dritt speċjali li jgħidu lil kulħadd kif għandu jmexxi l-affarijiet tiegħu.

Jekk ix-xogħlijiet għandhom il-permessi meħtieġa u qed isiru skont ir-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà, x’inhi eżatt il-problema? Li l-armar tal-Milied mhux se jidher daqshekk sabiħ?

U ħaġa oħra, Jason: il-fatt li l-Partit tiegħek qiegħed iżoqqok u jmantnik, ma jagħtik l-ebda awtorità jew setgħa li tindaħal fejn ma jesgħakx… u wisq aktar tallega li dan qed isir b’għanijiet “ulterjuri”. Tkejjilx b’xibrek!

Facebook – Jason Micallef

Mhux aħjar titla’ sa Ta’ Qali u tara fiex wasal it-tkabbir tal-ħaxix?